Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA U MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA - Tnedija ta’ żewġ proġetti għar-riabilitazzjoni ta’ widien kofinanzjati minn fondi Ewropej

Reference Number: PR192407, Press Release Issue Date: Nov 08, 2019
 
Tnedija ta’ żewġ proġetti għar-riabilitazzjoni ta’ widien kofinanzjati minn fondi Ewropej
 
Il-Ministri José Herrera u Edward Zammit Lewis nedew żewġ proġetti ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Għajn Riħana u Wied Liemu, li huma kofinanzjati minn fondi Ewropej.
 
Il-Ministru Herrera spjega li l-ewwel fażi tal-proġett ta’ Wied Għajn Riħana se jiġi mwettaq matul is-sena d-dieħla u se jiswa madwar €1.1 miljun. Fl-ewwel fażi se jsir it-tħawwil ta’ madwar 1,600 siġra u arbuxxella, ir-restawr u l-bini mill-ġdid ta’ 5,000 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ, se jitneħħew siġar invażivi, se jiġu installati railings tal-injam kif ukoll se tiġi installata sistema għat-tisqija tal-ilma. 
 
Spjega li l-proġett ta’ Wied Liemu se jkun maqsum f’fażijiet u se jiswa madwar €200,000. Ix-xogħol li ħa jsir f’dan il-wied jinkludi t-tneħħija manwali ta’ materjal akkumulat fil-kanal biex jitnaqqas l-għargħar u t-telf tal-ħamrija mill-art agrikola li jmissu magħha kif ukoll se jiġi rrestawrat il-kanal tal-ġebel u se jinbnew erba’ pontijiet ġodda tal-ġebel.
 
Il-Ministru Herrera saħaq li dawn il-proġetti huma importanti ħafna għax ir-riabilitazzjoni tal-widien ta’ pajjiżna hi indispensabbli għall-ambjent tagħna. Tenna li l-widien huma l-pulmun tal-pajjiż u huma ta’ portata ekoloġika u ta’ bijodiversità. Għaldaqstant hu indispensabbli li mmexxu ’l quddiem l-aspett ambjentali ta’ pajjiżna u nerġgħu nirriabilitaw il-widien li għal snin twal kienu tħallew abbandunati.
 
Il-Ministru Edward Zammit Lewis żied li l-ambjent u l-agrikoltura huma prijorità għal dan il-gvern – ambjent li hu sostenibbli kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.
 
Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li pajjiżna qed jinnegozja pakkett finanzjarju b’saħħtu għall-perjodu 2021-2027 biex filwaqt li nkomplu nsostnu l-ekonomija Maltija nkunu nistgħu nkomplu nirriabilitaw aktar spazji miftuħa li jistgħu jgawdu minnhom il-familji Maltin u Għawdxin. 
 
Qal li l-MEUSAC kien strumentali fil-proċess tal-applikazzjoni fejn ħadmu fil-qrib mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima kif ukoll ma’ Ambjent Malta. Il-Ministru Zammit Lewis ikkonkluda li ħa nkomplu nsaħħu l-irwol tal-MEUSAC f’dan ir-rigward biex ngħinu aktar mhux biss entitajiet tal-gvern iżda anke lis-settur privat.