Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA U MISS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR, INDAFA PUBBLIKA U S-SOSTENN TAL-BELT KAPITALI

Reference Number: PR192226, Press Release Issue Date: Oct 18, 2019
​Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar miżuri li ġew preżentati fil-Baġit 2020. 
 
Il-Ministru Herrera sostna li dan huwa baġit li qiegħed ipoġġi l-ambjent bħala prijorità. Baġit li jinkludi 35 miżura b’azzjonijiet diretti kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima. Sostna li l-miżuri ambjentali kollettivament ser iħallu impatt pożittiv.
 
Huwa spjega li fost dawn il-miżuri nsibu li sa nofs is-sena 2020 tiġi ddikjarata d-data sa meta pajjiżna ser jwaqqaf l-importazzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bi fuel li jniġġeż f’qafas ta’ strateġija ħolistika; jiġu introdotti tariffi tad-dawl orħos sabiex tiċċarġja l-vetturi elettriċi fid-djar; il-ħidma sabiex jitwettqu diversi progetti fl-immaniġġjar tal-iskart biex jitnaqqsu u jiġu kkontrollati aktar l-emissjonijiet; ser tiġi ppreżentata strateġija nazzjonali immirata li tpoġġi lil pajjiżna fit-triq lejn carbon neutrality sas-sena 2050; nkomplu ninċentivaw l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, fost oħrajn. 
 
Huwa kompla billi qal li qed jitwettqu proġetti ta’ afforestazzjoni fuq skala kbira f’diversi siti madwar Malta u Għawdex, kif ukoll diversi proġetti ta’ tisbiħ ta’ ġonna u spazji miftuħa fejn fihom ser jitħawlu eluf ta’ siġar. Ħabbar ukoll li ser tiġi introdotta skema biex sidien ta’ art privata jkunu jistgħu jħawlu aktar siġar, kif ukoll ser jitnieda proġett pilota biex jiġi introdott il-kunċett ta’ green infrastructure fiż-żoni industrijali.
 
“Dawn huma l-azzjonijiet konkreti li pajjiżna verament qiegħed jieħu kontra t-tibdil fil-klima. Huwa biss permezz tal-għaqal u l-viżjoni li qiegħed joffri dan il-Gvern illi pajjiżna  tabilħaqq jista’ jġib titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies u huwa biss permezz ta’ ekonomija b’saħħitha li dan kollu jista’ jsir u jitwettaq”, ikkonkluda l-Ministru José Herrera.
 
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista faħħar il-baġit għaqli ppreżentat it-Tnejn 14 ta’Ottubru. Huwa qal li dan kien baġit sostenibbli li filwaqt li ser iżid il-kompetittività tal-pajjiż se jkun ta’ spalla għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għaliex se jiġu ppremjati l-familji bieżla u dawk vulnerabbli. 
 
“Matul din is-sena, dan il-Gvern wera biċ-ċar li l-upkeep u l-indafa ta’ pajjiżna hija prijorità. Għalhekk, flimkien mad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ħdimna sabiex sar avvanz kbir f’dan il-qasam”, żied jgħid Deo Debattista. Huwa spjega kif matul is-sena 2020 se tingħata għajnuna lil  diversi kunsilli lokali speċjalment f’dak li huwa tindif f’żoni turistiċi. Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se tkun qed tinvesti f’iktar makkinarju modern u CCTV cameras biex jiġi kontrollat aħjar ir-rimi ta’ skart illegali madwar pajjiżna.