Navigate Up
Sign In

KABINETT MAN-NIES: DISKUSSA D-DEĊIŻJONIJIET AMBJENTALI GĦALL-ĠENERAZZJONIJIET LI ĠEJJIN

Reference Number: PR190319, Press Release Issue Date: Feb 19, 2019

Waqt laqgħa oħra mis-sensiela ‘Kabinett man-Nies’ fir-Riżerva Naturali tas-Salina, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru José Herrera ppreżentaw il-kisbiet u l-pjanijiet għall-futur fil-qasam ambjentali. 

Il-Prim Ministru semma l-politika nazzjonali tal-iskart li kienet ilha bżonnjuża għal ħafna snin imma kienet din l-amministrazzjoni li fl-aħħar bdiet iddaħħal il-kuxjenza li wieħed għandu jagħżel l-iskart qabel jarmih. Dr Muscat sostna li huwa inkoraġġanti li tunnellati kbar ta’ skart, minflok jintremew fil-miżbla, bdew jintużaw bħala riżorsa fosthom il-ġenerazzjoni tal-enerġija. “Id-differenza qed tinħass diġà u għad fadal iktar x’nimxu ’l quddiem”, qal il-Prim Ministru.

Bidla oħra fil-kultura se tkun qed issir bl-iskema ta’ rifużjoni tal-fliexken tal-plastik. Dr Muscat qal li se jkun hemm kritika dwar piżijiet ġodda imma l-messaġġ huwa li ż-żieda fil-prezz se tingħata lura lill-konsumatur jekk jirritorna l-flixkun, flok jarmih. Pożittiv huwa l-fatt li l-industrija ngħaqdet kollha biex tamministra din l-iskema. Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern huwa reżolut li din il-bilda tkun suċċess u b’hekk pajjiżna jevita l-bżonn ta’ art għal miżbliet ġodda filwaqt isalva ħafna plastik fil-baħar li jikkawża ħsara irreparabbli.

Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-bidla gradwali mill-karozzi b’magni konvenzjonali għal magni elettriċi. “Ma rridux naqgħu lura imma għandna nkunu fost ta’ quddiem mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jwettqu dan il-pass kbir”, qal il-Prim Ministru. Għad irid ikun hemm proċess b’saħħtu ta’ ħsieb, b’konsultazzjoni interna u esterna. Ideat diġà jeżistu fosthom li tkun Għawdex li tibda taqleb b’mod komplet il-karozzi tagħha għal magni li jaħdmu bl-elettriku. 

Hawnhekk semma kif għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma biex jiġu żviluppati inċentivi għal min jixtri karozzi elettriċi u jiċċarġjahom fil-garaxx personali f’ħinijiet partikolari. Dan ikun iservi bħala rikonoxximent vijabbli għal min investa b’mod li jkun qed jevita l-emmissjonijiet.

Din il-bidla mill-karozzi konvenzjonali tingħaqad mal-ħidma tal-Gvern fit-trasport pubbliku. Iċ-ċifri ta’ studenti u żgħażagħ li bdew jagħmlu użu mis-servizz b’xejn huma impressjonanti u issa l-Gvern ħabbar li se jagħti trasport pubbliku b’xejn fil-mina bejn Malta u Għawdex. Eventwalment, it-trasport pubbliku għandu jkun kollu b’xejn għal kulħadd.

Il-Prim Ministru temm jgħid li, wara li twettqet il-bidla miż-żejt għall-gass fil-qasam tal-enerġija, qed ikun issa indirizzat it-tniġġis mit-traffiku biex verament jitjieb l-ambjent b’mod reali ħafna.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Herrera ħabbar li nbeda l-proċess mill-ERA sabiex numru ta’ siti jiġu identifikati bħala siti natura 2000 bil-għan li, wara proċess rigoruż, dawn iż-żoni jkollhom pjani dedikati għall-immaniġġjar tagħhom. Huwa kompla li l-park fejn saret l-laqgħa tal-Kabinett huwa eżempju ċar tal-ħidma li qed ssir mal-entitajiet u għaqdiet mhux governattivi fejn qed imexxu diversi siti ta’ importanza ekoloġika. Huwa qal li, fi ftit ġimgħat oħra, ser ikunu qed jagħtu kuraziji lil numru ta’ għaqdiet ambjentali sabiex jippriservaw siti ta’ wirt ambjentali.

Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li ġew konklużi diskussjonijiet ma’ diversi entitajiet sabiex art f’Bengħajsa, b’daqs ta' madwar tletin elf metru kwadru, b’potenzjal li jitħawwlu mal-ħamest elef siġra u arbuxel indiġeni, tgħaddi għand il-Ministeru għall-Ambjent sabiex issir żona ta’ afforestazzjoni. Qed issir ħidma wkoll sabiex jitħaddru aktar żoni urbani.

Il-Ministru spjega wkoll li, fi ftit ġimgħat oħra, se tiġi ppublikata politika ħolistika dwar l-użu tas-single use plastic, kif ukoll ser tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika il-Waste Management Plan għal wara s-sena 2020. Dwar l-iskart organiku, il-Ministru Herrera qal li sal-lum inġabru 6,775 tunnellata b’mod separat li fissret tnaqqis ta 25% tal-borża s-sewda minn meta bdejna b’din l-iskema.

“L-ambjent qiegħed jingħata l-prijorità meħtieġa u l-fatt li l-poplu qiegħed dejjem aktar jagħraf il-bżonn li nipproteġu l-kapital naturali ta’ pajjiżna jkompli jimlina aktar b’kuraġġ u determinazzjoni li nkomplu nibdlu l-isfidi li għandna f’opportunitajiet, biex b’hekk inkomplu nkattru s-suċċess li qed ngħixu fih”, temm jgħid il-Ministru Herrera.