Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠĠJAR TAL-ILMA, MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI

Reference Number: PR190314, Press Release Issue Date: Feb 18, 2019
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, ngħaqdu flimkien fl-isfond ta’ Wied Għomor, San Ġiljan, għat-tnedija ta’ miżura għall-immaniġġjar tal-widien fil-kuntest tal-Proġett LIFE RBMP Malta, il-LIFE Integrated Project. Proġett iffokat fuq it-titjib tal-protezzjoni tal-ambjent naturali tagħna – f’dan il-każ il-protezzjoni tar-riżorsi naturali tal-ilma.

“Dan il-proġett, LIFE RBMP Malta, immexxi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, qed ikun imwettaq bis-sehem sħiħ ta’ diversi Ministeri u entitajiet li għandhom sehem fl-immaniġġjar tal-ilma f’pajjiżna. B’hekk dan il-proġett qed narawh bħala mudell ta’ kif Ministeri differenti jistgħu jaħdmu flimkien,” qal il-Ministru Joe Mizzi.

Il-parteċipazzjoni vasta minn diversi entitajiet pubbliċi f’dan il-proġett, kofinanzjat mill-Programm LIFE tal-Unjoni Ewropea wasslet biex il-proġett ikun jista’ jikkunsidra l-ambjent tal-ilma fid-diversi forom li nsibuh fihom f’pajjiżna. Fost dawn insibu l-ilma tal-wiċċ fil-widien, l-ilma tal-pjan, l-ilma tal-baħar u kif ukoll il-produzzjoni tal-ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis u tan-New Water.

 Il-Ministru Mizzi żied jgħid li b’hekk il-proġett LIFE se janalizza l-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma f’pajjiżna b’mod ħolistiku bl-iskop li jiddentifika prattiċi ta’ immaniġġjar ġodda li jassiguraw l-użu tajjeb ta’ dawn ir-riżorsi importanti. Dan bl-iskop li Malta tlaħħaq mad-domanda għall-ilma filwaqt li tassigura l-użu sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi.

 F’dan il-kuntest, il-proġett se jkun qed jiżviluppa mudell għall-immaniġġjar tal-ilma f’ambjent kostali Mediterranju. Mudell li se jkun qed jiġi diskuss u ppreżentat ukoll lil aġenziji pubbliċi fi gżejjer oħra fil-Mediterran bl-iskop li r-riżultati tal-proġett jiġu maqsuma magħhom.

 “B’hekk il-proġett LIFE se jkun qed jifrex l-esperjenza miġbura f’Malta fi gżejjer oħra Mediterranji bl-iskop li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma.”

 Filwaqt li rringrazzja lill-entitajiet kollha li qed jipparteċipaw f’dan il-proġett, il-Ministru Mizzi tenna li dawn l-istess entitajiet fis-snin li ġejjin se jkunu qed jimplimentaw dawn il-miżuri importanti inklużi f’dan il-proġett. Miżuri li se jikkontribwixxu biex Malta tilħaq livelli sostenibbli ta’ użu ta’ ilma, kif mitlub ukoll mid-Direttiva għall-Politika dwar l-Ilma tal-Unjoni Ewropea, jew kif inhi magħrufa aħjar il-Water Framework Directive.

 “B’hekk naraw ukoll l-importanza ta’ dan il-proġett li jgħin fit-twettiq kordinat tal-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Ilma ta’ pajjiżna (magħruf bħala River Basin Management Plan),” temm jgħid il-Ministru Mizzi.

 Il-Ministru José Herrera spjega li l-għanijiet prinċipali ta’ dan il-proġett huma li tiġi żviluppata viżjoni fit-tul għall-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-riabilitazzjoni tal-widien tagħna; jiġu żviluppati pjanijiet u linji gwida għall-immaniġġjar u l-manutenzjoni tal-widien; jiġu studjati s-servizzi ambjentali pprovduti mill-widien u jitwaqqfu networks ta’stakeholders ewlenin għall-widien differenti.

 Il-Ministru Herrera qal li bħala parti minn dan il-proġett għadu kif sar studju estensiv u nġabret l-informazzjoni eżistenti misjuba f’entitajiet differenti. Wara li ġew iddentifikati ċerti anomaliji, dan il-proġett wasal fl-istadju biex jinbeda stħarriġ tal-widien biex iqabblu informazzjoni ekoloġika, idroġeoloġika u dik dwar l-użu tal-art.

 Huwa sostna li dan l-istħarriġ, li se jieħu madwar sena biex jitlesta, se jitwettaq f’disa’ catchments ewlenin f'Malta u f’żewġ catchments f’Għawdex. Dawn ikopru 60 wied u kanali tal-ilma u se jwasslu għal żvilupp ta’ Master Plans u Technical Guidelines għal kull catchment. Wara dan l-istudju se jintagħżlu żewġ widien bħala proġett pilota biex jiġu ppjanati u implimentati interventi indikati mir-rapport.

 Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia żied jgħid li l-programm LIFE hu l-għodda finanzjarja Ewropea biex tgħin lil Malta tilħaq il-miri ambjentali u timmitiga l-impatt tat-tibdil fil-klima filwaqt li timplimenta leġizlazzjoni Ewropea, bħal dik tal-Water Framework Directive.

 “Proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE qegħdin jikontribwixxu għan-natura, biodiversità, ekonomija ċirkulari klima, u fl-aħħar mil-aħħar il-kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, bħal proġetti simili oħrajn li huma LIFE Saving Buskett u LIFE Baħar for N2K.”

 Farrugia qal li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed talloka xejn inqas minn €4.8 biljun għall-programm LIFE għas-seba’ snin li ġejjin u kien għalhekk li qed jieħu azzjonijiet biex Malta tieħu iktar fondi minn dan il-programm.