Navigate Up
Sign In

IL-MINISTRU HERRERA JATTENDI GĦAL-COP 24 F’KATOWICE L-POLONJA

Reference Number: PR182636, Press Release Issue Date: Dec 05, 2018
 
Nhar it-3 ta’ Dicembru 2018, f’Katowice Polonja, kapijiet ta’ diversi stati u Ministri għall-Ambjent minn madwar id-dinja ltaqgħu għall-erbgħa u għoxrin konferenza tal-partijiet fi ħdan il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) bit-tema principali tkun dik “Changing Together”.

Waqt dan is-summit, li għalih kien preżenti l-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, ġiet enfasizzata l-ħtieġa li filwaqt li d-dinja għandha tkompli ssostni l-importanza li tilħaq il-miri stabbiliti fit-Trattat ta’ Pariġi, it-trasformazzjoni lejn politika favur it-tnaqqis tat-tibdil fil-klima għandha tkun waħda aktar bbażata fuq is-solidarjetà u l-aspett soċjali. Dan sabiex tiġġenera u żżomm l-appoġġ tal-pubbliku għal politika favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Ir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar il-Global Warming li ġie ppubblikat riċentement ma setax ikun iktar f’waqtu propju qabel ma tlaqqa’ dan is-summit u dan għaliex huwa ntiż li jkompli jixpruna l-istati diversi biex ikunu determinati aktar li jimplimentaw miżuri f’waqthom biex b’hekk inaqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Intant kienu diversi kelliema f’numru ta’ sessjonijiet differenti li sostnew il-bżonn li l-pajjiżi jingħaqdu aktar biex tiġi indirizzata l-isfida globali relatata mat-tibdil fil-klima. Il-kelliema saħqu illi l-effetti tat-tibdil fil-klima diġà qiegħda ssir realtà f’numru ta’ pajjiżi u huwa neċessarju li din tiġi indirizzata b’mod globali.

Malta tinsab determinata li tkompli tintroduċi miżuri u tadotta politika favur inqas użu ta’ karbonju. Dan huwa l-ħsieb ewlieni tal-Low Carbon Development Plan li bħalissa qed tiġi suġġett għal proċess konsultattiv nazzjonali. Il-pjan jintegra l-azzjoni tal-klima fil-politika nazzjonali, u jħares lejn il-benefiċċji fit-tul soċjoekonomiċi u ambjentali li jġib miegħu it-tnaqqis tal-emissjonijiet GHG.