Navigate Up
Sign In

IL-KONFERENZA VIRTUOUS CIRCLE

Reference Number: PR182589, Press Release Issue Date: Nov 30, 2018
Il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima organizzaw konferenza bit-titlu Virtuous Circle fejn it-tema principali kienet dwar l-imaniġġjar tal-iskart u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. 

“Aħna nirrikonoxxu l-impenn li l-awtoritajiet Maltin qed juru biex jindirizzaw din l-isfida permezz tad-diversi riformi li qed jiġu stabbiliti u implimentati”, sostna l-Kummissarju Vella hekk kif fis-sessjoni ta’ filgħodu, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u L-Ugwaljanza Helena Dalli indirizzaw numru ta’ msieħba soċjali fejn ġie enfasizzat il-bżonn li jiġi instigat aktar il-kunċett li l-iskart huwa riżors u wieħed li jagħti valur ekonomiku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kumissarju Ewropew Karmenu Vella stqarr li l-għan ewlieni tal-konferenza Virtuous Circle hija dwar l-opportunitajiet u dwar kif Malta tista’ tqis materji sekondarji biex dawn isiru aktar disponibbli b’mod wiesa’. “Aħna ma niddiskutux l-iskart, aħna qed niddiskutu riżorsa”, tenna l-Kumissarju Vella, filwaqt li ħeġġeġ lill-ministeri u lill-partijiet ikkonċernati biex ikomplu jaħdmu flimkien sabiex ifasslu t-triq ‘il quddiem lejn ekonomija aktar ċirkulari. “Din mhix kwistjoni limitata għall-Ministeru tal-Ambjent, imma huwa proċess u għażla li tista’ tikkontribwixxi l-iktar għall-iżvilupp ekonomiku futur ta’ Malta”, temm jgħid il-Kumissarju Karmenu Vella. 

Il-Ministru Herrera stqarr kif Malta għarfet l-obbligi tagħha fejn jidħol immaniġġjar tal-iskart u għaldaqstant bil-fatti, dan il-qasam tpoġġa fuq nett tal-aġenda tal-gvern. Il-Ministru Herrera spjega diversi inizjattivi u miżuri li l-gvern qiegħed jieħu f’dan il-qasam, inklużi s-separazzjoni tal-iskart organiku fuq bażi nazzjonali, il-ħidma intensiva li għaddejja fuq il-faċilità tal-Waste-to-Energy fejn mill-iskart se niġġeneraw l-enerġija sal-2023. Huwa kompla billi tkellem dwar kif sas-sena d-dieħla se nkunu qegħdin nintroduċu l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik, metall, u ħġieġ, kif ukoll qegħdin inħejju strateġija ħolistika dwar Single Use Plastic, apparti investiment ieħor li qiegħed isir fil-faċilitajiet tal-WasteServ.

“L-ekonomija ċirkulari hija proprju d-direzzjoni li rridu nagħtu lill-pajjiż”, tenna l-Ministru Herrera, filwaqt li sostna li din hija bidla importanti fil-mentalità tagħna li rridu nagħmlu. Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima waqqaf aġenzija għal dan il-għan sabiex pajjiżna jibda jidentifika alternattivi sostenibbli flok dawk tradizzjonali li l-iskart jintrema fil-miżbliet. Il-Ministru għalaq l-intervent tiegħu billi spjega li l-kunċett ta’ one size fits all mhux realistiku għal Malta, u dan minħabba l-limitazzjonijiet fir-rigward ta’ spazju kif ukoll economies of sale

Il-Ministru Għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li din il-konferenza kienet eżempju tar-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea. “Rajna kif din l-istituzzjoni importanti qed tirrikonoxxi l-isforzi u l-impenn ta’ pajjiżna li nilħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea għall-imminaġġjar tal-iskart f’Malta, impenn li permezz tiegħu se nkomplu nimplimentaw it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkulari.” 

Il-Ministru Dalli fissret kif dan kien proċess li wera kif l-isfidi marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart huma sfidi Ewropej li jirrikjedu soluzzjonijiet Ewropej. Hija qalet li d-diskussjonijiet tal-lum kienu importanti ħafna, mhux biss għaliex indirizzaw is-sitwazzjoni attwali, iżda għaliex tawna direzzjoni għall-futur, direzzjoni li hija ferm relevanti fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali. 

“Il-pożizzjoni tagħna f’dan ir-rigward hija waħda ċara. Il-fondi ta’ koeżjoni u fondi oħra tal-Unjoni Ewropea li huma allokati għall-investiment ambjentali u l-immaniġġjar tal-iskart mhumiex esklussivi għal xulxin. L-Unjoni Ewropea għandha tinvesti r-riżorsi kollha meħtieġa biex flimkien nassiguraw ġejjieni sostenibbli għall-ġenerazzjonijet futuri”, temmet tgħid il-Ministru Dalli.