Navigate Up
Sign In

IS-SETTUR KUMMERĊJALI – ĦOLQA IMPORTANTI FL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART

Reference Number: PR182575, Press Release Issue Date: Nov 29, 2018
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana indirizzaw attività round table bl-isem “Is-Settur Kummerċjali – Ħolqa Importanti fl-Immaniġġjar tal-Iskart”, li ġiet organizzata f’Għawdex bħala parti mill-kampanja Don’t Waste Waste.
 
Din l-attività offriet l-opportunità lill-udjenza preżenti li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fejn jidħol is-settur kummerċjali u l-effett tiegħu fuq is-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart, kemm fuq bażi lokali, kif ukoll fuq dik nazzjonali, fejn speċifikament iffukaw fuq il-gżira Għawdxija u l-isfidi li din taffaċċja bħala reġjun. 
 
Il-Ministru Herrera spjega li s-settur turistiku ġewwa Għawdex qiegħed dejjem inaqqas l-istaġjonalità tiegħu u huwa fattur importanti għall-ekonomija Għawdxija. Dan is-settur jikkontribwixxi għal skart li jiġi ġġenerat u ma’ dan hemm ukoll in-numru ta’ negozji żgħar li jsawru l-ekonomija Għawdxija.
 
Il-Ministru Herrera sostna li l-pass li jmiss fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart huwa li jiġi indirizzat l-iskart kummerċjali fejn il-Ministeru qed jfassal pjan ta’ azzjoni għal ġbir ta’ skart kummerċjali. S’issa hemm obbligi tassattivi għal dawk li joperaw lukandi u ristoranti, fejn għandhom l-obbligu li jkollhom kuntrattur li jiġbor l-iskart li jiġġeneraw. 
 
“Wasal iż-żmien li s-settur kummerċjali jibda jerfa’ r-responsabbilta għall-iskart tiegħu kif ukoll jassumi d-dover li b’mod sostennibli jnaqqas u jissepara l-iskart li jiġġenera fl-operat tiegħu,” saħaq Dr Herrera. Huwa kompla li, “Il-Gvern jirrikonoxxi li intrapriżi żgħar u medji għandhom diffikultajiet partikolari minħabba ċ-ċokon tagħhom. Għalhekk rridu nifhmu l-isfidi li qed taffaċjaw u nibdluhom f’opportunitajiet. Min-naħa tagħna rridu niffaċilitaw din it-tranżizzjoni billi noffru dan is-servizz bi ħlas xieraq imma li ma jtellifkomx b’piżijiet amministrattivi żejda bħal l-għażla ta’ kuntrattur, kuntratti u pagamenti.”
 
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana elenkat numru ta’ inizjattivi li beda jaħdem fuqhom il-Ministeru biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart f’Għawdex. Caruana fakkret kif f’Settembru tas-sena l-oħra, kienet saret konferenza f’Għawdex imtella mid-Direttorat ta’ Eko-Għawdex dwar din l-isfida partikolari fejn kienu attendew bosta stakeholders u anke tresqu xi suġġerimenti. 
 
Il-Ministru għal Għawdex qalet li waħda mill-ewwel inizjattivi li kient ħadet kienet dik li jitwaqqaf l-intervention team fejn din is-sezzjoni kienet inkarigata miż-żamma tal-indafa f’Għawdex. Apparti hekk, matul is-sena saru diversi clean-up events bil-parteċipazjoni ta’ bosta NGOs u studenti Għawdxin. Il-Ministru Caruana fakret ukoll kif il-Ministeru qed ta’ kull sena jiffaċilita l-ġbir tal-iskart miż-żona ta’ Marsalforn u x-Xlendi billi qed iħallas l-ispejjes kollha involuti mat-tieni ġabra li issir fl-imsemmija lokalitajiet. 
 
Il-Ministru Caruana semmiet ukoll inizjattivi oħra li qed jaħdem fuqhom il-Ministeru biex il-pjaga tal-iskart tiġi indirizzata u minn problema issir opportunità. Ewlenin fostom hu l-proġett Consum-less, proġett li qed isir minn fondi Ewropej bil-għan li jnaqqas l-iskart iġġenerat mir-ristoranti b’ 50%. “Dan mhux l-uniku eżerċizzju għaliex qed naħdmu wkoll fuq l-introduzjoni ta’ smart bins f’ Għawdex ukoll,” qalet il-Ministru Caruana. 
 
Hija kkonkludiet billi qalet li din l-isfida tista’ tittaffa biss billi ikun hemm qabża fil-kultura tagħna u billi jkun hemm iktar aċċess għall-faċilitajiet ta’ rimi u separazzjoni ta’ skart. Fuq kollox, il-ħtieġa ta’ iktar infurzar u inċentivi biex partikolarment is-settur kummerċjali jadotta prattiċi responsabbli. 
 
Din l-attività kienet indirizzata wkoll minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ambjent, Eko Gozo, GTA (Gozo Tourism Authroity), Gozo Business Chamber, kif ukoll rappreżentant minn restorant, rapreżentant tal-Gozo Farmhouses u rappreżentant mis-settur kummerċjali.

Ritratti – MGOZ/MESDC