Navigate Up
Sign In

IL-MAJJISTRAL: PARK TA’ NATURA U TA’ STORJA JIĊĊELEBRA 10 SNIN MILL-FTUĦ TIEGĦU

Reference Number: PR182535, Press Release Issue Date: Nov 26, 2018
Għall-10 anniversarju mill-ftuħ tal-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja se ssir ċelebrazzjoni sħiħa mifruxa fuq ġimgħa ta’ attivitajiet immirati lejn il-familja fil-park stess bejn it-3 u d-9 ta’ Diċembru.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa miżmuma fil-Majjistral fejn il-Ministru José Herrera indirizza lil dawk preżenti u spjega li Festa Natura għandha l-għan li tiċċelebra l-10 anniversarju tal-park waqt li żżid l-għarfien tal-pubbliku ġenerali dwar miżuri ambjentali kif ukoll dwar ir-riċiklaġġ. 

Il-Ministru Herrera ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur il-park matul Festa Natura u japprezza s-sbuħija tal-biodiversità ta’ Malta. Saħaq li din hi opportunità għalina lkoll biex napprezzaw dan il-park li jaqa’ taħt Natura 2000 billi nattendu u nipparteċipaw fl-għadd ta’ attivitajiet li se jittellgħu matul tmiem il-ġimgħa. 

Nhar is-Sibt 8 ta’ Diċembru u l-għada l-Ħadd, il-Majjistral se jinbidel f’park ta’ avventura b’varjetà ta’ attivitajiet li se jsiru fil-miftuħ u b’seminars edukattivi li għandhom l-għan li jżidu l-apprezzament tal-pubbliku lejn dak li għandha x’toffri l-art u kif din tista’ tiġi protetta. It-tfal tal-iskola se jżuru l-park matul il-ġimgħa.

“L-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent hi kburija li qed tisponsorja din il-ġimgħa promozzjonali flimkien ma’ xogħol ieħor tanġibbli li qed isir fi ħdan il-park biex tittejjeb il-biodiversità. Dan jinkludi afforestazzjoni, miżuri biex jintlaħqu iktar nies, tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ, kontroll ta’ speċi aljeni u t-tneħħija ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi illegalment. Nittamaw li nħajru iktar nies igawdu d-diversità fiha nnifisha. Ċerti li dil-ġimgħa se twassal għal aktar attivitajiet interessanti fil-park immirati li jtejbu kemm il-biodiversità kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tagħna”, spjega Darrin Stevens, Viċi Direttur tal-ERA.

Ibbażata fuq tliet fatturi: ‘tgħallem, esplora u sostni’, Festa Natura se tkun ċelebrazzjoni tal-ġid tan-natura u s-sbuħija naturali tal-pajsaġġ protett Malti.

L-attivitajiet se jiffukaw dwar il-persuna u l-ambjent permezz ta’ yoga għall-adulti u għall-familji; trekking għal dawk li għadhom jibdew kif ukoll għall-avventurużi; sparar bil-qaws, għawm bil-maskla u kayaking, abseiling u zip-lining għat-tfal u għall-kbar; tours gwidati bir-rota; sigħat ta’ tindif; fotografija tal-pajsaġġ u tal-ħlejjaq selvaġġi; osservazzjoni tal-għasafar u mixjiet gwidati. Biex issir enfasi akbar dwar il-fattur tas-sostenibbiltà tal-avveniment, se jitħawlu aktar minn elf siġra fil-park matul il-ġimgħa biex ifakkru l-anniversarju.

L-aspett edukattiv se jissaħħaħ permezz ta’ taħditiet minn esperti fuq suġġetti varji. Alfred E. Baldacchino se jmexxi taħdita dwar il-friefet, Peter Gatt dwar ir-reċipjenti tad-dud u l-benefiċċji tagħhom fuq il-ħamrija, Skark Lab dwar il-ħajja fil-baħar u Greenhouse dwar il-konservazzjoni. Għal dawk li huma interessati fl-arkeoloġija u fl-istorja, Dr Keith Buhagiar se jitkellem dwar il-pajsaġġ kulturali tal-park qabel l-1530 u Ghislaine Calleja se titħaddet dwar l-istorja nazzjonali u naturali tal-Park tal-Majjistral.

Il-Park tal-Majjistral jibda mir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) sal-Prajjet u x-Xagħra l-Ħamra. B’6km kosta, siti ta’ importanza storika u arkeoloġika mifruxa matulu, attivitajiet agrikoli, u habitats naturali vibranti, il-park hu meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali fi ħdan in-network ta’ siti Natura 2000. B’tant inħawi x’tesplora u attivitajiet fiex tipparteċipa, Festa Natura hi garanzija ta’ ġimgħa mimlija fost il-wirt naturali prezzjuż Malti.

Programm sħiħ ta’ attivitajiet jinsab fuq www.festanatura.org. Riservazzjonijiet tal-attivitajiet jistgħu jsiru mill-portal. Il-parteċipazzjoni tal-attivitajiet hi bla ħlas għal kulħadd imma donazzjonijiet huma apprezzati.

L-attivitajiet u l-istands se jkunu miftuħin għall-pubbliku nhar is-Sibt u l-Ħadd 8 u 9 ta’ Diċembru bejn id-9am u s-6pm. 

Festa Natura qed tittellgħa mill-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll Sammy Vella, Chairperson tal-Bord Maniġerjali tal-Park tal-Majjistral u Ghislaine Calleja, rappreżentanta tal-Federazzjoni tal-Patrimonju tal-Parks.

Segwi ‘Il-Majjistral: Park ta’ Natura u Storja’ fuq Facebook hawn https://www.facebook.com/majjistralpark.org​. Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment ibgħat fuq events@majjistral.org​.