Navigate Up
Sign In

TNIEDA GĦALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA T-TIENI PJAN T’AZZJONI NAZZJONALI TAL-GREEN PUBLIC PROCUREMENT GĦAS-SEBA’ SNIN LI ĠEJJIN

Reference Number: PR182511, Press Release Issue Date: Nov 22, 2018
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera nieda għall-konsultazzjoni pubblika t-tieni pjan t’azzjoni nazzjonali tal-green public procurement għas-seba’ snin li ġejjin. 
 
Il-Ministru Herrera spjega li l-għan ta’ dan id-dokument huwa li jsaħħaħ dak li diġà ntlaħaq, filwaqt li tittejjeb il-funzjoni tal-green public procurement. Huwa qal li kull sena n-nefqa tal-Gvern fix-xiri pubbliku tammonta għal 25% min-nefqa totali tal-Gvern. Għaldaqstant il-Gvern huwa kommess li jnaqqas l-impatt ambjentali tiegħu fuq il-prodotti u servizzi li jixtri, dan sabiex tiġi promossa ekonomija aktar ħadra kif ukoll jistimulaw bidla fil-prodotti u servizzi aċċessibbli għas-settur privat u l-konsumatur.
 
Huwa spjega li din il-viżjoni tibni wkoll fuq il-prinċipji ta’ ekonomija ċirkulari, fejn tinċentiva li prodotti li l-użu tiegħu jkun wasal fi tmiemu, jiġu pproċessat b’mod li tinħoloq forma ta’ materja prima differenti li l-oriġinu tagħha jkun l-iskart u b’hekk inkunu qed inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart u l-konsum tar-riżorsi.
 
Il-Ministru sostna li statistika tal-2017 uriet li l-Gvern irnexxielu jħaddar b’63% tas-sejħiet għall-offerti tiegħu, meta l-mira stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea hija ta’ 50%. Il-Gvern huwa kommess li permezz ta’ dan il-pjan jħaddar ix-xiri pubbliku b’90% permezz ta’ numru ta’ miri u miżuri amibizzjużi.
 
Dan il-pjan  għandu l-għan li jnaqqas l-użu ta’ single use plastics fis-servizzi tal-ospitalità u l-catering b’kriterji speċifiċi għax-xiri pubbliku. Dawn il-kriterji ser isiru mandatorji sal-2025, sabiex l-operaturi jkollom ċans jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, iżda fl-istess waqt qed jiġi mwiegħed li sa seba’ snin oħra l-kontenituri u utensili jridu jkunu kollha re-usable, compostable jew biodegradable. 

Il-Ministru rrikonoxxa l-fatt li s-settur privat diġà qiegħed jieħu diversi inizjattivi u miżuri fl-operat tiegħu bl-għan li jkomplu jnaqqsu dan it-tip ta’ skart. Settur ieħor li qed nuru l-impenn tagħna lejh f’dan il-pjan huwa l-iskart mis-settur tal-kostruzzjoni u demolizzjoni, sabiex nindirizzaw ir-realtà tan-nuqqas ta’ spazju fejn niddisponu minn dan l-iskart u fl-istess ħin nagħtu l-opportunità lis-settur privat jinvesti f’ dan is-settur, sostna l-Ministru Herrera.
 
Dan id-dokument huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sat-22 ta’ Diċembru 2018.