Navigate Up
Sign In

FTEHIM MILĦUQ BEJN IL-GVERN U L-KORPI KOSTITWITI

Numru ta' Referenza: PR151532, Data ta' l-Istqarrija : Jul 02, 2015
Lejn it-tneħħija tal-eko-kontribuzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Direttiva Ewropea dwar l-immaniġġjar tal-iskart elettriku u elettroniku (WEEE) - il-Ministru Leo Brincat
 
“Kif imwiegħed se tibda titneħħa l-eko-kontribuzzjoni wara ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-korpi kostitwiti filwaqt li, għall-ewwel darba kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea (UE), se jibdew jitħaddmu sew u kif jixraq ir-regoli marbutin mal-iskart elettriku u elettroniku, magħruf bħala l-WEEE, kif dejjem kien obbligu ta' pajjiżna li jsir.” 

Dan ħabbru l-Ministru Leo Brincat f'laqgħa fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima li għaliha kienu preżenti l-ogħla uffiċjali tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża u tal-GRTU - Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, flimkien mad-diriġenti tal-operaturi tal-iskemi tal-immaniġġjar tal-iskart, il-GreenPak u l-Green MT.
 
Il-Ministru qal li, grazzi għall-appoġġ u l-għajnuna tal-korpi kostitwiti miġburin madwar l-istess mejda, li magħhom saru għadd ta’ laqgħat formali u informali,  kif ukoll wara proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni li kien jinkludi 'on-line consultation', flimkien ma’ laqgħat ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili Maltija, kemm fuq livell tal-MCESD kif ukoll tal-MEUSAC, issa nistgħu ngħaddu għat-twettiq ta’ miżura tal-Budget 2015 li ilha prijorità tal-istess korpi kostitwiti għal snin sħaħ.
 
Il-Ministru Brincat ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jinħarġu żewġ avviżi legali, wieħed biex jemenda l-att dwar l-eko-kontribuzzjoni li permezz tiegħu se titneħħa din it-taxxa minn fuq l-iskart elettriku u elettroniku, u ieħor b'emendi għar-regoli dwar l-iskart elettriku u elettroniku nnifsu, magħrufa aħjar bħala l-WEEE. 
 
Il-Ministru Brincat qal li dawk li se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-bidu mit-tneħħija tal-eko-kontribuzzjoni huma biss dawk li jidħlu fi Skema awtorizzata u/jew li jintrabtu formalment li jirregolaw lilhom infushom b'mod li jkunu suġġetti għall-verifiċi effettivi. Dawn ikollhom żmien sal-aħħar ta’ Awwissu 2015 sabiex jiddeċiedu u jinfurmaw lill-MEPA bħala regolatur xi tkun id-deċiżjoni tagħhom, jekk jissieħbux ma’ Skema jew hux se jkunu jirregolaw lilhom infushom.
 
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima qal li ħadd ma huwa se jitħalla jabbuża minn din is-sistema u se jkun hemm penali għal min jinqabad jipprova jagħmel dan billi jipprova jonqos mill-obbligi tiegħu.
 
Huwa qal ukoll li min se jibbenefika minn din il-miżura fejjieda jista’ jagħżel bejn jew li jkun suġġett għall-garanzija bankarja jew inkella jidħol fi skema ta’ assikurazzjoni dwar l-iskart b'mod li jissodisfa lir-regolatur tal-Gvern.
 
Kien hemm qbil li kemm l-iskart elettriku u elettroniku miġbur mill-Kunsilli Lokali li jkun depożitat fis-Civic Amenity (CA) sites kif ukoll dak li jinġabar separatament mill-WasteServ fis-CA sites tagħha, se jkun immaniġġjat mill-kumpanija WasteServ li mbagħad ikollha l-obbligu li tqassam l-istess skart b’mod proporzjonat bejn l-Iskemi awtorizzati. 
 
Se jittieħdu l-miżuri kollha biex il-faċilitajiet tal-iscrap metal ikunu regolati b'tali mod li l-faċilitajiet tagħhom ma jkunux jistgħu jdgħajfu s-sistema regolatorja. 
 
Il-Ministru Brincat qal li l-ħtieġa ta' infurzar li jinħass minn kulħadd, biex ikun assigurat 'compliance' serju u effettiv, mhux biss hi xi ħaġa li se jesiġi l-Gvern innifsu iżda kienet sa mill-bidu nett ix-xewqa espressa ta' dawk kollha li magħhom saru konsultazzjonijiet, fosthom, primarjament l-istess korpi  kostitwiti miġburin madwar l-istess mejda.

Fl-aħħar nett, il-Ministru Brincat fisser dan il-pass bħala wieħed kuraġġuż u meħtieġ li se jsaħħaħ in-negozju u l-ambjent fil-pajjiż mingħajr ma jimponi piżijiet ġodda fuq il-qasam kummerċjali jew il-konsumaturi filwaqt li jiżgura li l-liġijiet tal-pajjiż ikunu osservati kif dejjem għandu jkun. 

Il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija Anton Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif il-Kamra kienet ilha ssegwi dan is-suġġett għal dawn l-aħħar 8 snin. ‘Bi pjaċir ninnutaw li l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li għamilna waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni ntlaqgħu mill-Gvern’ qal Anton Borg. Dawn kienu jinkludu l-bżonn għal iżjed sorveljanza tas-suq, it-tneħħija tal-capping fuq il-garanzija bankarja fil-każ tal-kumpaniji self-compliant u l-bżonn li tittieħed deċiżjoni politika dwar dak li jissejjaħ ‘historical waste’. Anton Borg tenna l-appoġġ sħiħ tal-Kamra tal-Kummerċ lill-Awtoritajiet għall-ġid tan-negozji u l-ambjent ta’ pajjiżna.

Il-President tal-GRTU – Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji Paul Abela qal: ‘Il-GRTU tirringrazzja lill-membri tagħha li b’xi mod jew ieħor taw kontribut siewi waqt din il-konsultazzjoni.  Tieħu l-istess opportunità biex tirringrazzja lill-awtoritajiet tal-Gvern li wkoll għamlu dak kollu possibli biex l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2015.’

F’isem is-Soċjetà Koperattiva GreenPak, l-Inġ. Mario Schembri qal: ‘Peress li l-GreenPak tkopri aktar minn 70% tal-popolazzjoni Maltija, lesti nagħtu kontribut sħiħ fil-ġbir tal-WEEE. Bl-esperjenza vasta lokali sa mill-2006, u internazzjonali, kif ukoll grazzi għall-istabbiltà finanzjarja tal-koperattiva, il-GreenPak toffri assigurazzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-WEEE f’pajjiżna.”