Navigate Up
Sign In

PARK TAL-MAJJISTRAL

Reference Number: PR172663, Press Release Issue Date: Nov 23, 2017
 
B’referenza għall-mozzjoni ppreżentata minn żewġ membri tal-Oppożizzjoni fuq ħinijiet tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral, l-estensjoni fil-ħin hija applikabbli biss minn Settembru sa Novembru u fil-perjodu tal-istaġun tar-Rebbiegħa meta tiġi applikata deroga. Dan attwalment ifisser illi fi żmien sebat ijiem kwalunkwe kaċċa tista’ ssir biss sal-10am. L-insib f’imnasab illiċenzjati huwa permess sas-2.30pm kull meta tkun applikata deroga.
 
Apparti minn dan, wara diversi laqgħat, ittieħdet id-deċiżjoni li ma ssirx estensjoni fil-ħin tal-kaċċa kull nhar ta’ Erbgħa u fil-festi pubbliċi, sabiex f’dawn il-ġranet il-ħinijiet jibqgħu sal-10am. Id-deċizjoni kkunsidrat ukoll il-qbil unanimu li ntlaħaq mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li vvota favur id-deċiżjoni hekk kif kienet proposta mil-Gvern. Il-kompromess u sens ta’ bilanċ kienu dejjem fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet li saru u b’dan l-istess spirtu ttieħdu d-deċiżjonijiet.
 
Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima qiegħed jikkunsidra u jaħdem dwar talbiet oħra li saru mil-Board tal-Park tal-Majjistral sabiex jiġu allokati aktar fondi għal aktar tisbiħ, riabilitazzjoni u manutenzjoni tal-faċilitajiet eżistenti taż-żona, anka potenzjalment permezz ta’ Fondi Ewropej kif ukoll proposti sabiex jiġu inklużi siti oħra fiż-żona tal-Park tal-Majjistral fosthom ir-range tal-isparar militari u l-barracks.
 
Il-Ministru José Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri jkomplu jisħqu sabiex id-delizzju jiġi prattikat fil-parametri provduti fil-liġi u l-ebda abbuż mhu ser jiġi tolerat.
 
Il-Gvern iħares ’il quddiem għal diskussjoni fuq din il-mozzjoni. L-appell finali qabel id-diskussjoni, hu li jekk ser jiġi kwotat l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jiġi kwotat b’mod ġust.