Navigate Up
Sign In

INVESTIMENT F’SISTEMI MODERNI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART

Numru ta' Referenza: PR172071, Data ta' l-Istqarrija : Sep 15, 2017
Il-Gvern ħabbar il-pożizzjoni tiegħu fil-pass li jmiss fil-pjan nazzjonali tal-iskart tal-pajjiż: li tingħata bidu għat-triq li permezz tagħha pajjiżna jkompli jinvesti f’sistemi aktar moderni biex jiġi mmaniġġjat l-iskart tal-pajjiż. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru José Herrera ħabbar id-deċiżjoni tal-Gvern li fis-snin li ġejjin jimplimenta l-faċilità ta’ ‘Waste to Energy’.

“Pajjiżna għandu bżonn soluzzjonijiet robusti, ambjentalment aċċettabbli, li jeħduna fil-qabża ta’ kwalità li rridu nagħmlu f’termini ta’ infrastruttura għal dan il-pajjiż anke fl-immaniġġjar tal-iskart”, qal il-Ministru Herrera fil-preżenza tal-management u tal-board tad-diretturi tal-Wasteserv.

B’hekk il-pajjiż ma jibqax jiddependi biss fuq faċilitajiet bħal tal-Għallis, fejn biex joperaw jeħtieġu meded kbar ta’ art biex jiġi mmaniġġjat l-iskart tal-pajjiż. Hekk kif ħabbar il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Għallis mistennija li tilħaq il-massimu tagħha fi żmien sentejn. Permezz tal-faċilità ‘Waste to Energy’ – li mill-iskart tiġi rkuprata l-enerġija – l-impjant il-ġdid se jipproċessa bejn 35% u 40% tal-iskart li bħalissa qed jintefa’ l-Magħtab. Dan filwaqt li nkomplu nsaħħu l-impenn tal-Gvern biex nilħqu u ntejbu l-miri tagħna fejn jidħol ir-riċiklaġġ. Is-sitwazzjoni preżenti hi li qed jiġi rriċiklat biss 12% tal-iskart.  

Wara li f’dawn l-aħħar snin ġew ikkummissjonati numru ta’ studji inklużi b’Fondi Ewropej dwar oqsma relatati ma’ dan is-settur, fosthom ‘Waste to Energy’ u l-esportazzjoni tal-iskart, issa jmiss li jinħatar kumitat tekniku biex jagħti pariri lill-Gvern dwar it-teknoloġija li għandha tiġi użata biex ikollna l-faċilità robusta ta’ ‘Waste to Energy’.

Il-Ministru Herrera rringrazzja lill-membri tal-Kumitat tal-ħin u tal-impenn tagħhom filwaqt li wera dispjaċir li l-Oppożizzjoni rrifjutat li tieħu sehem f’din il-qabża ’l quddiem li jrid jagħmel pajjiżna. Kienet biss l-Oppożizzjoni li rrifjutat l-istedina li tipparteċipa f’dan il-kumitat.

Il-Kumitat se jkun kompost miċ-Chairman tal-Kumitat li se jkun il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello, Kevin Gatt mill-Ministeru għall-Ambjent, Kevin Mercieca mill-ERA, Alfred Mifsud, Dr Alex Sciberras kif ukoll il-Professur Edward Mallia u Martin Galea De Giovanni.