Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Herrera jniedi proġett pilota fi tliet bajjiet bħala parti min-Natura 2000 Network

Reference Number: PR171671, Press Release Issue Date: Jul 10, 2017
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Josѐ Herrera nieda proġett pilota li permezz tiegħu ħaddiema tal-Wasteserv qed jassistu fl-immaniġjar tal-iskart tal-bajjiet li jaqgħu fiż-żoni ta’ Natura 2000. “Dan huwa l-pass li jmiss fl-immaniġjar tal-iskart fejn qed ninżlu fil-bajjiet sabiex inkomplu nedukaw lin-nies dwar l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart, filwaqt li bl-eżempju se niġbru l-iskart riċiklabbli li jiġi mormi ħażin”, qal il-Ministru Herrera. 
 
Il-Ministru Josѐ Herrera kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello kif ukoll iċ-Chairman tal-Malta Tourism Authority Dr Gavin Gulia li bil-kontribut tagħhom setgħet tittieħed din l-inizjattiva. It-tnedija ta’ proġett pilota f’Golden Bay, Għajn Tuffieħa Bay u Għadira Bay - li lkoll kemm huma jifformaw parti min-Natura 2000 Network – huwa intiż li jwassal messaġġ lil dawk li jkunu qed jiffrekwentaw dawn il-bajjiet tant popolari sabiex huma wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom dwar l-immaniġjar tal-iskart. 
 
“L-immaniġjar tal-iskart huwa wieħed mill-akbar sfidi li għandu l-pajjiż u dan il-Gvern huwa kommess li fost l-oħrajn iżid il-kampanja ta’ informazzjoni ħalli b’hekk aktar nies jipparteċipaw”, qal il-Ministru. 
 
Il-Ministru Herrera spjega li f’dawn it-tliet bajjiet se jkunu qegħdin jistazzjonaw ħaddiema tal-Wasteserv fejn xogħolhom se jkun li jduru l-bins tal-bajja u jiġbru l-iskart riċiklabbli li jiġi mormi ħażin, kif ukoll jiġbru l-iskart li jiġi mormi fir-ramel. Hu spjega li f’dawn il-bajjiet se jkun hemm promoters tal-Wasteserv li se jwasslu l-messaġġ li s-separazzjoni tal-iskart ma jsirx biss fid-djar. 
 
“L-immaniġjar tal-iskart huwa prijorità kbira għal dan il-Ministeru. Apparti li se nżiedu s-separazzjoni tal-iskart riċiklabbli, se nkomplu nżommu l-bajjiet tagħna aktar nodfa kif ukoll se nżiedu l-aspett edukattiv” temm jgħid Dr Herrera.