Navigate Up
Sign In

TINFETAĦ WAĦDA MILL-AKBAR BARRIERI, WARA LI SSOLVIET IL-PROBLEMA TAL-ISKART TAL-KOSTRUZZJONI U TWAQQIGĦ

Reference Number: PR171240, Press Release Issue Date: May 13, 2017
​Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Josè Herrera ħabbar li nfetħet waħda mill-akbar barrieri f’pajjiżna. Dan wara ħidma mill-Gvern sabiex tissolva il-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni u twaqqigħ li kienet ilha tkarkar is-snin, fejn ġew ippubblikati regolamenti ġodda u ntlaħaq ftehim flimkien mal-operaturi tal-barrieri u r-rappreżentanti tagħhom. Tħabbar ukoll inċentiv finanzjarju fiskali li ser ikompli jagħti aktar spinta lill-industrija tal-barrieri ħalli tilqa’ aktar skart tal-kostruzzjoni. 
 
Il-Ministru Herrera spjega li wara li, l-barriera Tal-Magħlaq li tinstab fil-limiti tal-Qrendi, ingħatat permess mill-Awtorità tal-Ippjanar u permess ambjentali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, din se tibda tirċievi skart tal-kostruzzjoni u twaqqigħ. Huwa sostna li dan ser jgħin biex pajjiżna jkompli jimxi’l quddiem u jilħaq il-miri stabbiliti.
 
Il-Ministru Herrera rrimarka li fi żmien Gvern preċedenti, dan is-sit kien ġie iddentifikat bħala sit għall-engineered landfill, meta fil-qrib ta’ dan is-sit jinstab wirt dinji, it-tempji tal-Imnajdra u Ħaġar Qim.
 
Dr Herrera spjega li s-sit jifforma parti minn żona ta’ pajsaġġ ta’ valur għoli u għalhekk ir-restawr ta’ din il-barriera tal-qawwi huwa pass importanti sabiex tkun kompatibbli mal-bqija tal-pajsaġġ eżistenti u titneħħa l-ġerħa fil-pajsaġġ li hemm bħalissa. Kompla jispjega li din iż-żona tħaddan ukoll ekosistemi importanti u biodiversità rikka. B’hekk ir-restawr ta’ din il-barriera ser ikun ukoll ta’ gwaddan għall-biodiversità lokali u se jkun assigurat li l-użu eventwali ta’ dan is-sit, wara r-restawr, se jkun konformi mal-pjan ta’ immaniġġjar tas-sit tan-Natura 2000 li din tagħmel parti minnha. 
 
“Barra milli din il-barriera se tkun qed ittaffi l-isfida ta’ fejn jittieħed skart tal-kostruzzjoni u twaqqigħ, ir-restawr tagħha ser ikun qed jagħti lura lilna u lil uliedna mhedda ta’ art f’żona ta’ preġju għal kull wieħed u waħda minna u t-turisti kollha li jżuruha”, temm jgħid Dr Herrera.